|
Tuesday, 10 November 2009 21:14 |
|
Ħbieb,
Ġieli staqsejtu minn fejn beda kollox jew x’inhu x-xejn? U jekk hu xejn kif jeżisti? Ġieli mmaġinajtuh ix-xejn? U x’taraw? Meta nibdew nikbru, ħafna minna nibdew nistaqsu affarijiet bħal dawn u niddikutuwhom bejna u bejn il-kuxjenza tagħna. Nafu biżżejjed li mill-aspett reliġjuz kollox ġie minn Alla, iżda nafu jekk Alla jeżistix jew nafu eżatt xi jfisser Alla għalina? Naqblu max-xjenza li tgħid li kull element u ħolqien evolva minn kreaturi u organiżmi oħra?
Mistoqsijiet li ħafna drabi ma jwasslu mkien. Din ix-xenqa tal-bniedem li jkun irid ikun jaf kollox tbaqbaq ġo fina aktar ma nkomplu nikbru. Iżda x’taqbad temmen? Li hu fiċ-ċert huwa li dawk li jaħsbu mod ma tistax iġġiegħlhom jemmnu mod ieħor. Iżda min-naħa l-ohra l-bniedem kemm għandu saħħa u ħila jinfluwenza lil ta’ madwaru? Huwa fatt li fl-adoloxxenza tagħna nibdew inbiddlu l-ideat u nħabblu moħħna dwar diversi aspetti fil-ħajja u nindunaw li l-ħajja m’ hijiex fantażija jew kif konna npinġuha jew ipinġuhielna, u l-biża’ u l-anzjeta’ hemm mnejn ideffsu mneħirhom ukoll.
Meta nilħqu ċertu eta’ nibdew ninkwetaw fuq affarijiet li xi kultant ma nkunux lesti naffaċjawhom u nsibulhom tarf jew prinċipju. Per eżempju l-ħajja tiddependi mix-xogħol? Oqogħdu aħsbu ftit: aħna għaliex nattendu l-iskola? U l-iskola għalhiex tippreparana? Mhux għax-xogħol? Jekk ma jkollokx xogħol, ma jkollokx flus, u jekk ma jkollokx flus kulħadd jaf x’jgħid il-Malti, la tgħannaq u lanqas tbus. U jekk jiġri dan kif jirnexxilek tibni familja? Ma jkollokx biex tgħix jew tgħajjex familja. U jekk timrad, kif sejjer tfieq? Forsi xi prodotti naturali jew tal-kcina jgħinu kif jafuhom in-nanniet, imma kemm dawn għadhom jintużaw? Huwa ċiklu fejn kull element jorbot ma’ l-aspetti l-oħra. X’ħajja din! Ħajja bla nifs.
|