Kunsill Studenti Junior College Kunsill Studenti Junior College

Ittri
Tuesday, 10 November 2009 21:16

Għażiż Sur Prinċipal,

Qed nikteb din l-ittra mil-lenti ta’ student tat-tieni sena u allura naf b’ċertu differenza li seħħew minn sena għall-oħra. Il-kundizzjonijiet imposti fuq l-għaqdiet ta’ l-istudenti huma inaċċettabbli. Ħadd ma jista’ jifhem x’inhija r-raġuni li l-foyer tal-Kulleġġ mhux jitħalla biex jiġi użat mill-għaqdiet rispettivi fil-Junior College.

Min kien student fil-Junior College is-sena l-oħra jiftakar sewwa l-preżenza tal-KSJC, Pulse, SDM, Chrisco, l-Young Enterprise u oħrajn li kienu jingħataw spazju neċessarju fil-foyer. Dan l-ispazju dejjem intuża b’mod għaqli, sabiex il-Kulleġġ jibqa’ dejjem ħaj u ħajjet l-istudent fil-Junior College tkun aktar varjata. Mhux talli hekk, talli dawn l-attivitajiet kienu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ ħafna studenti. Kellna wkoll numru ta’ attivitajiet edukattivi li sfortunatament issa spiċċaw ridotti għal xi kamra oħra fil-bini li ftit tagħti l-importanza xierqa lil dawn l-attivitajiet. Huwa fatt magħruf issa li ħafna mill-istudenti li qabel kienu jinvolvu ruħhom f’dawn l-attivitajiet dejjem għaddejin, issa sabu posthom jiġru minn bar għall-ieħor barra mill-Kulleġġ.

Personalment naħseb li l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ għandha taħsibha darbtejn fuq din id-deċiżjoni li ttieħdet. L-ambjent tal-Junior College ma qed jimmotiva bl-ebda mod lill-istudent li jrid ivarja l-esperjenza tiegħu minn waħda akkademika biss għal waħda akkademika u extra-kurrikulari. Hemm bżonn li tittieħed bis-serjeta’ din is-sitwazzjoni għax spiċċat dik l-idea ta’ kulleġġ attraenti li jiġbed in-nies lejn il-Kulleġġ.

Dejjem Tiegħek,
Student

 

Comments  

 
#1 2009-11-11 17:39
Jin naqbel ma' dan l-istudent ghax jien ma nara l-ebda skop ghalfejn ma' jsirux attivitajiet fil-foyer.

Jien nhoss li permezz ta' din id-decizjoni qatel l-atmosfera sabiha li kien ikun hemm il-JC.

Jekk jerga lura minn din id-decizjoni jerga jqajjem l-atmosfera sabiha ta' qabel.
Quote
 

Add comment


Security code
Refresh